20 November 2020
RAGINIMAS SUKURTI VAIKŲ SĄJUNGĄ

RAGINIMAS SUKURTI VAIKŲ SĄJUNGĄ

IS-SEJĦA TAGĦNA

Fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, diġà qabel il-pandemija, 23 miljun tifel u tifla kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Id-diffikultajiet finanzjarji li qed iġarrbu l-familji Ewropej f’dan il-perjodu kif ukoll it-tfixkil fis-servizzi edukattivi u tal-kura komplew żiedu aktar il-pressjoni f’sitwazzjoni diġà inkwetanti. Ir-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika li ġabet magħha l-pandemija għamluha diffiċli għal ħafna biex ilaħħqu mal-edukazzjoni tagħhom, u dan wassal biex xi wħud jitilqu mill-iskola għalkollox. Il-fatt li ma setgħux jissoċjalizzaw ma’ sħabhom kellha impatt fuq is-saħħa mentali tat-tfal. Il-konsegwenzi kienu inugwali ħafna skont l-isfond soċjoekonomiku, anke hekk kif il-faqar mar għall-agħar.

L-impatt tal-pandemija fuq l-inugwaljanzi tat-tfal huwa irregolari u allarmanti. Għal din ir-raġuni, aħna nappellaw għal sforz imġedded mill-Istituzzjonijiet Ewropej lejn il-kisba ta’ Unjoni għat-Tfal, unjoni li tiggarantixxi opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha, u azzjoni immedjata biex tiġi implimentata l-Garanzija għat-Tfal u biex l-istrument Next Generation EU verament ikun effettiv għall-ġenerazzjonijiet li jmiss tal-Ewropa.

Ftit hemm dubju li l-fraġilità tal-Ewropa tirriżulta miż-żieda fl-inugwaljanzi u ħsara fit-tul lill-benessri, li għamlu lis-soċjetà tagħna aktar vulnerabbli għall-kriżijiet ekonomiċi, ambjentali, u, kif rajna, għall-kriżijiet tas-saħħa.

 

Uliedna huma l-muftieħ biex jinbnew soċjetajiet aktar ġusti u sostenibbli. Hemm evidenza abbundanti li turi li l-inugwaljanzi fl-opportunitajiet tal-ħajja diġà huma ffurmati fis-snin bikrin tal-ħajja u fil-biċċa l-kbira jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Fil-preżent, ħafna familji bi tfal żgħar m’għandhomx appoġġ adegwat, u nofs l-Istati Membri tal-UE biss laħqu l-objettiv tal-UE ta’ kopertura ta’ 33 % għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) taħt l-età ta’ 3 snin.

Iċ-ċifri li jipprovdi l-EUROSTAT huma inkwetanti anke mingħajr l-effett tal-COVID-19. F’9 pajjiżi, inqas minn 1 minn kull 5 tfal ibbenefikaw minn indukrar tat-tfal, u normalment ikunu tfal minn unità domestika li jkollha aktar mezzi. Fil-fatt huwa inkwetanti li l-użu tas-servizzi tal-ECEC huwa ħafna aktar baxx fost it-tfal minn familji żvantaġġati, tfal bi bżonnijiet speċjali, familji bi dħul baxx u persuni li jgħixu f’żoni rurali u remoti.

F’ċerti pajjiżi ,inqas minn 20 % ta’ dawn it-tfal huma parti minn xi tip ta’ ECEC, meta mqabbla ma’ aktar minn 70 % fost l-unitajiet domestiċi bl-ogħla introjtu. Studju mmexxi mill-FEPS u l-imsieħba sab li t-tfal Ewropej ta’ età bejn 0-3 snin mill-faxxa ta’ 40 % t’isfel tal-istatus soċjoekonomiku huma madwar 15 % aktar probabbli li jiksbu punteġġi medji ladarba jilħqu l-età tal-adolexxenza, jekk ikollhom aċċess għall-indukrar tat-tfal fl-età ta’ sena jew sentejn. L-istudju jenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri għandhom impatt fuq l-eżiti tal-edukazzjoni tat-tfal aktar tard, filwaqt li pereżempju fejn ir-rati ta’ impjieg tan-nisa huma ogħla mill-medja tal-UE u fejn iż-żewġ ġenituri huma eliġibbli għal-liv tal-ġenituri, it-tfal minn familji żvantaġġati jistgħu jiksbu riżultati edukattivi tajbin aktar faċilment. 

Dan jindika li sakemm ma nipprovdux servizzi ta’ kwalità u inklużivi, il-kura u l-edukazzjoni fis-snin bikrin fl-Ewropa jibqgħu mezz biex tfal minn familji li għandhom iktar mezzi jilħqu l-aħjar potenzjal tagħhom aktar milli mezz biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tinqered l-esklużjoni soċjali.

Bħala progressivi, aħna nitolbu trasformazzjoni sistemika: li l-ECEC jintemmu bħala servizz offrut skont id-domanda u li titnieda era ġdida fejn kull tifel u tifla jkunu intitolati. Dritt legali u soċjali mnaqqax fil-liġi Ewropea.

L-UE għandha l-kapaċità għall-innovazzjoni politika u s-saħħa politika biex tiffaċilita era ġdida ta’ appoġġ u żvilupp għat-tfal Ewropej kollha u biex tindirizza dawn ix-xejriet ta’ inugwaljanza li huma persistenti ħafna. Għal dan il-għan, bħala mexxejja progressivi, akkademiċi u attivisti minn madwar l-Ewropa, il-viżjoni tagħna għal Unjoni għat-Tfal hija bbażata fuq l-objettivi li ġejjin:

1. Tiddaħħal fis-seħħ b’mod rapidu l-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Ħafna membri tal-Parlament Ewropew u l-familja progressiva kollha appellaw għal Garanzija Ewropea għat-Tfal biex jiġu indirizzati l-aspetti multidimensjonali tal-faqar fost it-tfal.

Il-Garanzija għat-Tfal tiżgura li kull tifel u tifla Ewropej fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar ikollhom aċċess għal kura tat-tfal bikrija ta’ kwalità u mingħajr ħlas, flimkien ma’ kura tas-saħħa, edukazzjoni, akkomodazzjoni deċenti, u nutrizzjoni adegwata. Bħalissa għaddejjin negozjati u għandhom isiru l-isforzi kollha biex jiġi żgurat li l-Garanzija għat-Tfal issir parti integrali mill-politika tal-UE. Dan jinkludi baġit iddedikat ta’ EUR 20 biljun u impenji ta’ finanzjament vinkolanti għall-Istati Membri fil-programmi nazzjonali tagħhom tal-FSE+.

2. Tiġi żviluppata ekosistema ta’ investiment għat-tfal Ewropej li tibda mill-ippjanar korrett tal-finanzjament tal-istrument Next Generation EU. Peress li t-tfal qed iġorru l-piż ta’ ħafna mill-konsegwenzi tal-pandemija, l-Unjoni għat-Tfal għandha ssir pilastru fundamentali fl-istrateġija ta’ rkupru tal-Ewropa. Dan jitlob li l-Pjani Nazzjonali ta’ Rkupru jiġu kkalibrati mill-ġdid lejn is-servizzi tal-kura tal-ġenerazzjonijiet futuri tal-Ewropa.

Ekosistema ta’ investiment għat-tfal Ewropej għandha tkompli tibni fuq il-Garanzija għat-Tfal, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fondi Strutturali u r-riżorsi nazzjonali biex ittejjeb l-implimentazzjoni effettiva ta’ servizzi tal-ECEC ta’ kwalità u inklużivi għal kulħadd, b’enfasi speċjali fuq it-tfal u l-familji l-aktar vulnerabbli.

3. Jiġi ggrantit aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jkunu ta’ kwalità u inklużivi għal kulħadd. Il-liġi Ewropea għandha tiżgura d-drittijiet tat-tfal u l-intitolamenti legali b’dispożizzjonijiet pubbliċi universali u affordabbli għal kulħadd flimkien ma’ riżorsi ddedikati għal tfal żvantaġġati u f’riskju. Il-promozzjoni tal-kwalità u l-inklużività huma prijoritajiet ewlenin. Dan jinvolvi: i) li l-għalliema jingħataw salarji u taħriġ deċenti biex il-ġenerazzjoni li jmiss tal-Ewropa tkun mgħammra bil-ħiliet tas-seklu 21 li għandhom bżonn biex jirnexxu; ii) it-tisħiħ tal-emanċipazzjoni tat-tfal u r-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla; iii) l-iffaċilitar tal-involviment u l-parteċipazzjoni tal-ġenituri u tal-komunitajiet; iv) l-isfruttar tas-sinerġiji li l-ECEC għandhom mal-politiki tal-protezzjoni soċjali u tax-xogħol. Fil-fatt, l-elementi deċiżivi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi strutturali bħala fatturi ta’ riskju għall-iżvilupp tat-tfal, jinkludu miżuri ta’ appoġġ għad-dħul favur it-tfal; politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-impjieg tan-nisa; pagi minimi deċenti garantiti mil-liġi jew min-negozjar kollettiv; u liv tal-ġenituri adegwat u newtrali fir-rigward tal-ġeneri.

 

Il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sfidi ġodda u drammatiċi għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Bħala esperti, attivisti u dawk li jfasslu l-politika aħna naħsbu li wasal iż-żmien li ngħollu l-livell tal-ambizzjonijiet tal-Ewropa u nressqu din is-sejħa qawwija għal Unjoni għat-Tfal. Din tippreżenta t-talba lill-UE biex twieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha u tiżgura l-benesseri mhux biss permezz tal-Unjoni Bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni tal-Enerġija u kooperazzjoni ekonomika oħra, iżda permezz ta’ Unjoni Soċjali li jkollha mandat b’saħħtu rigward il-benessri ta’ kull tifel u tifla.

 

Šį raginimą jau pasirašė daugiau kaip 300 garsių politikų, akademinės bendruomenės ir pilietinės visuomenės atstovų. Atnaujintą sąrašą rasite čia.

 

 

Top